Għall-ewwel darba l-Gvern qed iniedi programm nazzjonali ta’ taħriġ strutturat u fit-tul għall-persuni li jaħdmu u jagħtu s-servizz tagħhom fil-Gvern Lokali. Flimkien ma’ din l-inizjattiva, permezz ta’ proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, qed isir ukoll investiment ta’ aktar minn €600,000 f’opportunitajiet ta’ taħriġ online, f’Malta u barra minn xtutna, biex jissaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nies fis-settur.
Dan tħabbar waqt konferenza li mmarkat it-tnedija uffiċjali ta’ din il-viżjoni ġdida għall-iżvilupp professjonali fil-Gvern Lokali, u li għaliha attendiet il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex.
Din il-viżjoni, li ġiet żviluppata fuq il-bażi ta’ analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet tas-settur u fuq l-aqwa prattiċi Ewropej, se toffri opportunitajiet ta’ taħriġ lis-Sindki, Kunsilliera, Segretarji Eżekuttivi, impjegati tal-Kunsilli u anke tal-Assoċjazzjonijiet, kif ukoll lill-uffiċjali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li din il-viżjoni turi l-impenn konkret tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-Gvern Lokali mhux biss permezz ta’ aktar riżorsi u investiment, iżda fuq kollox billi jinvesti fil-persuni li kuljum jagħtu s-servizz tagħhom lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
“Meta ninvestu fil-ħiliet u fil-professjonalità tal-persuni li jaħdmu fil-Gvern Lokali, inkunu qed ninvestu direttament fil-kwalità tas-servizz li jirċievi ċ-ċittadin u fil-futur tal-komunitajiet tagħna. Dan huwa Gvern li jemmen fil-Gvern Lokali u li qed jagħtih l-għodod biex ikompli jikber, jevolvi u joffri servizz dejjem aħjar lin-nies,” qalet il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Robert Tabone spjega li l-programm huwa r-riżultat ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni u analiżi tal-ħtiġijiet tas-settur, li sar mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali flimkien mas-Centre of Expertise for Multilevel Governance tal-Kunsill tal-Ewropa u l-MCAST.
Minn dan il-proċess ġiet identifikata l-ħtieġa għal taħriġ aktar strutturat u speċjalizzat, li wasslet għall-Istrateġija Nazzjonali għat-Taħriġ tal-Gvern Lokali u għat-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ tal-Gvern Lokali. Il-ħidma kienet imsaħħa wkoll minn żjarat ta’ studju fil-Polonja, Franza u n-Norveġja, fejn ġew studjati mudelli Ewropej ta’ taħriġ, żvilupp professjonali u governanza lokali li kkontribwew għat-tfassil tal-programm.
Il-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ diġà beda jagħti riżultati konkreti, b’inizjattivi għall-iżvilupp professjonali tas-Segretarji Eżekuttivi, programmi għall-persuni interessati li jokkupaw din il-kariga fil-futur, u taħriġ għas-Sindki dwar il-presidenza u t-tmexxija tal-laqgħat tal-Kunsilli. Dawn l-inizjattivi kellhom parteċipazzjoni qawwija.
Flimkien ma’ din l-inizjattiva, permezz ta’ proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), qed isir investiment ta’ aktar minn €600,000 biex il-persuni fis-settur ikollhom aċċess għal taħriġ nazzjonali, internazzjonali u online. Sa Awwissu, kważi 100 persuna kienu diġà ngħataw għajnuna diretta, b’investiment li jqarreb il-€200,000.
Il-konferenza kienet ukoll indirizzata mill-espert imqabbad mill-Kunsill tal-Ewropa, Dott. Brian Cawley li kien strumentali fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali tat-taħriġ, kif ukoll mid-Direttriċi tal-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa Claudia Luciani.
Fid-diskors tal-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo saħaq fuq l-importanza li kull min għandu funzjoni x’jaqdi f’dan il-qasam tant importanti għar-residenti tagħna, jaħtaf l-okkażjoni li qed tiġi offruta biex permezz tal-ħiliet miksuba, ikun jista’ joffri servizz aħjar lill-komunità.
Din il-ħidma tpoġġi l-investiment fin-nies fil-qalba tat-tisħiħ tal-Gvern Lokali, bil-għan li l-komunitajiet Maltin u Għawdxin ikollhom Gvern Lokali aktar b’saħħtu, professjonali u kapaċi jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom.